Dott. Maurizio Cordina ggradwa b`dottorat fil-Liġi fl-2006 u kiseb il-warrant professjonali tiegħu biex jipprattika bhala avukat fl-2008. F`dik l-istess sena Maurizio ingħaqad mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn qatta’ ħames snin jaħdem bħala prosekutur pubbliku fit-Taqsima tal-Liġi Kriminali u sussegwentement inghaqad mat-Taqsima tal-Liġi Ċivili fejn kompla jispeċjalizza prinċipalment fil-liġi kriminali, civili u kostituzzjonali.
Maurizio rrappreżenta lil Malta f’diversi gruppi ta’ ħidma u konferenzi organizzati mill-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-Kumitat ta’ Esperti dwar is-sistema tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (DH-SYSC) u fil-Kumitat Ewropew dwar il-Kooperazzjoni Legali (CDCJ). Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017, Maurizio nħatar rapprezentant għal Malta fil-Grupp ta’ Ħidma għal Direttiva dwar kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali.
Wara li nħoloq l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, Maurizio ġie promoss għal Assistent Avukat tal-Istat fl-2021 u issa huwa jmexxi tim ta’ ħames avukati, li jservu u jassistu diversi Ministeri u dipartimenti u entitajiet affiljati. B’mod partikolari matul dawn l-aħħar snin, Maurizio kompla juża l-esperjenza estensiva tiegħu f’każijiet ta’ profil għoli relatati ma’ reati serji.