Id-Direttorat tas-Servizzi Amministrattivi huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-funzjonijiet u l-operat tal-Aġenzija. Id-Direttorat immexxi mill-Kap tas-Servizzi Amministrattivi jipprovdi sostenn strateġiku u operattiv lill-Avukat tal-Istat u jiżgura l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi tal-Aġenzija. 

Id-Direttorat huwa maqsum f’sitt (6) unitajiet kif ġej:

Amministrazzjoni
L-unità tal-Amministrazzjoni hija responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizzi varji fi ħdan l-Aġenzija fosthom, l-ippjanar u l-organizzazzjoni ta’ sistemi u proċeduri fir-rigward tal-ġestjoni tar-Registru, żamma ta’ rekords u l-librerija kif ukoll l-koordinazzjoni tat-trasport u tal-infrastrutturi u s-servizzi ġenerali tal-uffiċċju.

Finanzi u Akkwist
Id-diviżjoni tal-Finanzi u Akkwist  hija primarjament responsabbli mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-baġit allokat, ix-xiri, u n-nefqa tal-Aġenzija. Is-sezzjoni tiżgura l-ġestjoni tajba tar-riżorsi finanzjarji tal-Aġenzija, u l-konformità mar-regolamenti finanzjarji applikabbli. L-Unita’ taħdem b’mod konsistenti biex tiżgura li kull akkwist isir b’mod effiċjenti u effettiv f’konformità mar-regolamenti rilevanti tal-akkwist pubbliku.

Riżorsi Umani
Id-diviżjoni tar-Riżorsi Umani hija responsabbli mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni effettiva tar-riżorsi umani. Din id-diviżjoni tiffoka fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ policies u proċeduri tar-riżorsi umani; it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tar-riżorsi umani; l-ippjanar tal-iżvilupp tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-prestazzjoni u l-proċessi tal-iżvilupp tal-karriera. Id-diviżjoni tissorvelja wkoll il-proċessi tal-għażla, ir-reklutaġġ, l-induzzjoni, u l-kollokament tal-impjegati fl-Aġenzija filwaqt li tistinka biex toħloq ambjent san għall-impjegati.

Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT)
Id-diviżjoni tal-ICT hija responsabbli mill-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura u s-sistemi ta’ ġestjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni bl-għan li tagħti sostenn kontinwu lill-impjegati kollha tal-Aġenzija.

Id-diviżjoni għandha wkoll il-kompitu li tfassal u timplimenta l-policies u l-proċeduri tal-ICT; l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi kollha tal-ICT; iż-żamma tas-sigurtà u l-irkupru tad-data; kif ukoll il-forniment ta’ servizzi komprensivi tal-ICT lill-impjegati kollha tal-Aġenzija .

Support Services
L- Unità tas-Support Services hija prinċipalment responsabbli mill-provvista ta’ servizzi klerikali u amministrattivi bil-għan li tappoġġja lill-professjonisti legali tal-Aġenzija. Is-sezzjoni twettaq xogħol klerikali legali inkluż iżda mhux limitat għat-tħejjija, ir-reviżjoni u l-ipproċessar ta’ varjetà wiesgħa ta’ dokumenti legali, rekords, u korrispondenza skont il-liġijiet preskritti. Id-diviżjoni hija inkarigata wkoll mill-verifika, il-komputazzjoni u l-ġbir tat-tariffi ġudizzjarji.