Fl-2019, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Gvern qasam l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, billi ssepara l-funzjonijiet konsultattivi u ta’ prosekuzzjoni, u b’hekk ħoloq l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat bis-saħħa tal-Att XXV tal-2019, li ġie kkristallizzat fil-Kapitolu 603 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan kien jeħtieġ il-promulgazzjoni ta’ Artikolu  ġdid fil-Kostituzzjoni, senjatament l-Artikolu 91A.

L-Avukat tal-Istat jaġixxi bħala l-konsulent prinċipali tal-Gvern fi kwistjonijiet ta’ liġi u ta’ opinjoni legali. Fl-għoti ta’ pariri legali, huwa jaġixxi fl-interess pubbliku u jissalvagwardja l-legalità tal-azzjoni tal-Istat. L-Avukat tal-Istat igawdi minn indipendenza kostituzzjonali u mhuwiex soġġett għall-iskrutinju, id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna jew awtorità oħra fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

L-Avukat tal-Istat jagħti wkoll pariri lill-Kumitati Parlamentari, filwaqt li jassisti fi kwalunkwe abbozzar meħtieġ mill-kumitati msemmija. Barra minn hekk, l-Avukat tal-Istat jirrappreżenta lill-Gvern, lill-Ministeri, lid-dipartimenti u lill-entitajiet tiegħu f’kawżi quddiem il-fora legali kollha, f’Malta u barra mill-pajjiż, kif timplika n-nomenklatura. Minbarra li jaġixxi bħala konsulent legali għall-Gvern f’kawżi, l-Avukat tal-Istat jirrifletti wkoll l-inkorporazzjoni fiżika tal-Istat meta individwu jkun jixtieq iħarrek korp tal-Istat li ma jkollux locus standi tiegħu stess.

Barra minn hekk, l-Avukat tal-Istat jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ affarijiet internazzjonali, bħan-notifika ta’ dokumenti lil, u minn, aġenziji kontroparti barra mill-pajjiż, jew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda fi qrati Maltin jew barranin.

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat iwettaq ukoll dmirijiet u funzjonijiet oħra bħal dawk li jistgħu jingħataw mill-Kostituzzjoni jew minn dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Maltija.

Barra minn hekk, l-Avukat tal-Istat jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ affarijiet internazzjonali, bħan-notifika ta’ dokumenti lil, u minn, aġenziji kontroparti barra mill-pajjiż, jew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda fi qrati Maltin jew barranin.

 

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jinkludi wkoll unitajiet speċjalizzati li jiffokaw fuq oqsma legali distinti. Dawn jinkludu t-Taqsima tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u t-Taqsima tal-Leġiżlazzjoni.

 

It-Taqsima tal-KEDB tespleta inkarigi relatati mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, tabbozza pjanijiet ta’ azzjoni u rapporti ta’ azzjoni, u taħdem mill-qrib mad-Dipartiment tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi, ibbażat fi Strasburgu. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ħatar aġenti li jirrappreżentaw lill-Istat fil-laqgħat tas-CDDH, li jiffaċilita t-trawwim tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni internazzjonali.

It-Taqsima tal-Leġiżlazzjoni tissorvelja l-abbozzar kemm tal-leġiżlazzjoni primarja kif ukoll ta dik sussidjarja qabel is-sottomissjoni lill-Uffiċċju tal-Kabinett, u l-pubblikazzjoni relattiva tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Hija tamministra wkoll il-websajt www.legislation.mt