Malta saret Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974 wara l-kisba tal-indipendenza mir-Renju Unit, bis-saħħa tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza fl-21 ta’ Settembru 1964, liema Kostituzzjoni ġiet ippromulgata permezz ta’ ordni skont l-Att dwar l-Indipendenza ta’ Malta, li stabbilixxa lil Malta bħala demokrazija parlamentari liberali. Ir-Repubblika ta’ Malta ingħaqdet mal-Unjoni Ewropeja fl-1 ta’ Mejju 2004. Is-sistema parlamentari u l-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika ta’ Malta huma mmudellati fuq is-sistema Ngliża ta’ Westminster, u jużaw sistema legali mħallta tal-liġi komuni Ingliża u l-liġi ċivili (ibbażata fuq il-Kodiċi Ċivili Ruman u Napolejoniku).

Ir-Repubblika ta’ Malta hija bbażata fuq il-Kostituzzjoni u tħaddan il-pedamenti ta’ sistema demokratika b’separazzjoni tas-setgħat. Il-funzjonijiet ewlenin tal-Kostituzzjoni huma li tirregola l-organi tal-Istat, li tipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u li tissalvagwardja s-separazzjoni tas-setgħat bejn il-pilastri tad-demokrazija, li huma l-fergħat eżekuttivi, ġudizzjarji u leġiżlattivi tal-Istat.

Il-fergħa leġiżlattiva tikkonsisti f’Parlament unikamerali, magħmul mill-President tar-Repubblika, bħala Kap tal-IStat, u l-Kamra tar-Rappreżentanti, li l-membri tagħha jiġu eletti mill-poplu għal mandat ta’ ħames snin permezz ta’ elezzjoni ġenerali.

Il-fergħa eżekuttiva tikkonsisti fi Gvern immexxi minn Prim Ministru, li huwa l-primus inter pares fost il-ministri li l-Prim Ministru jaħtar meta jieħu l-kariga. Tradizzjonalment, il-Prim Ministru jkun il-mexxej tal-partit politiku li jkun kiseb il-maġġoranza tal-voti f’elezzjoni ġenerali. Bħala regola, il-Gvern jiġi elett għal mandat ta’ ħames snin permezz tal-elezzjonijiet ġenerali.

Il-fergħa ġudizzjarja tikkonsisti mill-ġudikatura Maltija, li hija magħmula minn għadd ta’ Mħallfin u Maġistrati, imsejħa biex jamministraw il-ġustizzja u jħarsu l-Liġijiet ta’ Malta. Il-qrati Maltin huma maqsuma fi qrati ċivili u kriminali, b’kull sezzjoni jkollha Qorti ta’ ġurisdizzjoni inferjuri, immexxija minn Maġistrat, u Qorti b’ġurisdizzjoni superjuri, immexxija minn Imħallef. Il-qrati ta’ Malta jinsabu fil-Belt Valletta u ta’ Għawdex jinsabu fir-Rabat.