Dott. Christopher Soler

Author picture

Dott. Christopher Soler inħatar Avukat tal-Istat mill-President tar-Repubblika fid-19 t’Ottubru 2020 wara rakkomandazzjoni mill-Prim Ministru li kienet preċeduta minn rapport imħejji minn Kummissjoni għall-Ħatra Indipendenti magħmula minn tliet imħallfin irtirati u ppresjeduta mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi.

Huwa għandu Masters tal-Arti (M.A.) fl-Istudji Ewropej Kontemporanji konferit mis-Sussex European Institute, l-Università ta’ Sussex (ir-Renju Unit), Masters tal-Liġi (LL.M.) fid-Dritt Kriminali Internazzjonali misCentre for Legal Studies, l-Università ta’ Sussex (ir-Renju Unit), Dottorat fil-Liġi (LL.D.) mill-Università ta’ Malta u Ph.D. fid-dritt internazzjonali pubbliku mill-Università ta’ Amsterdam, fl-Olanda.

Dott. Soler aġixxa bħala Direttur, Servizzi Legali, tal-Università ta’ Malta bejn Frar 2008 u Settembru 2020, u bħala President tal-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati bejn Awwissu 2013 u Awwissu 2020. Huwa ħadem bħala espert maħtur mill-qorti kriminali, aġixxa bħala konsulent legali fi proċessi minn ġurija, proċedimenti ta’ estradizzjoni u f’kawżi kriminali u kostituzzjonali (drittijiet tal-bniedem) quddiem qrati li għandhom ġurisdizzjoni kriminali, il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta u quddiem il-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, Franza. Huwa rrappreżenta wkoll klijenti li ġew akkużati quddiem il-qrati kriminali Taljani, Tuneżini u tal-Istati Uniti. Sa minn meta kiseb il-warrant tiegħu biex jeżerċita l-professjoni legali fis-sena 2000, huwa tgħallem, eżamina, u ssorvelja numru ta’ teżijiet b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt kriminali Malti, id-dritt internazzjonali pubbliku, id-dritt kriminali internazzjonali, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u l-kriminoloġija (senjatament il-vittimoloġija). Huwa pparteċipa f’seminars u konferenzi dwar id-dritt internazzjonali, u kif ukoll dwar ir-refuġjati fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza Jean Monnet dwar id-Drittijiet tal-Migranti fil-Mediterran ibbażat f’Napoli, l-Italja.

Dott. Soler attenda l-ħmistax-il sessjoni tal-Assemblea tal-Firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague bħala membru tad-delegazzjoni Maltija. Taħt l-awspiċi tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, wara li wettaq taħriġ amministrat mill-École Nationale d’Administration ta’ Strasburgu, huwa ppresieda l-Comité Juridique — il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Comité Juridique — Gruppi ta’ Ħidma dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku tal-Kunsill tal-UE bejn Jannar u Ġunju 2017.

Fl-2019, T.M.C. Asser Press u Springer Verlag ippubblikaw il-ktieb tiegħu bit-titlu “The Global Prosecution of Core Crimes under International Law”. Dott. Soler ippubblika wkoll materjali legali ma’ Oxford University Press, Wolters Kluwer u f’ġurnali tal-liġi lokali bħal “Law and Practice” maħruġa mill-Kamra tal-Avukati ta’ Malta, “Id-Dritt” maħruġ mis-Soċjetà tal-Istudenti tal-Liġi ta’ Malta, u fil-“Mediterranean Journal of Human Rights” maħruġ mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta.